Sa tmiem din il-ġimgħa, tmenin fil-mija tal-popolazzjoni adulta f’Malta se tkun imlaqqma b’minn tal-inqas l-ewwel doża.
Waqt il-programm Sibt il-Punt fuq ONE Radio, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne, qal li minkejja n-numru għoli ta’ nies imlaqqma f’Malta u f’Għawdex, huwa kruċjali li nibqgħu kawti, primarjament minħabba l-varjant Indjan.
Qal, “Il-varjant Indjan qed jinkwieta lil kulħadd. L-Ingilterra, li huma bħalna fit-tilqim, in-numri reġgħu telgħu. L-Italja llum imponiet kwarantina fuq nies li ġejjin mill-Ingilterra minħabba l-varjant Indjan. Il-Gvern Ingliż waqqaf milli jnaqqas il-miżuri. Kien ħa jnaqqashom din il-ġimgħa fil-wieħed u għoxrin ta’ Ġunju u mexxihom għad-dsatax ta’ Lulju.”
Il-Ministru għas-Saħħa tkellem ukoll dwar il-ħin ta’ stennija fl-ajruport, u filwaqt li jifhem li ħadd ma jieħu pjaċir jistenna, qal li qed isir l-assessjar meħtieġ biex ikun assigurat li ħadd ma jidħol f’pajjiżna mingħajr ċertifikat tal-vaċċin jew test negattiv.
Spjega, “It-turiżmu huwa importanti għall-ekonomija, ma nistgħux inwaqqfuh, anzi rriduh imma b’mod li jagħmel sens. Issa jien qed jgħiduli li qed ikun hemm il-kjus tat-turisti ġejjin lura fl-airport. Irridu bilfors inkunu attenti li min dieħel ġo pajjiżna, kemm jista’ jkun, ikun sigur għalina.”
Chris Fearne qal li filwaqt li huwa importanti li nibqgħu kawti, dan ma jfissirx li ma nkomplux niftħu b’mod gradwali.
Fil-fatt, fit-tmienja u għoxrin ta’ Ġunju mistennija jitħabbru aktar affarijiet u mill-ewwel ta’ Lulju, kull min hu mlaqqam, jista’ joħroġ bla maskra filwaqt li mistennija jiżdiedu wkoll in-nies permessi fil-gruppi jekk ikunu ħadu l-vaċċin.
Qal, “Dal-varjant Indjan qed idur id-dinja u għandna ħa jasal ukoll jiġifieri nkunu boloh jekk naħsbu li aħna kapaċi ngħixu ġo bużżieqa u dan ma jmissniex. Iżjed ma jkun hawn nies imlaqqmin, inqas ħa jaffettwana u għalhekk l-appell tiegħi hu, baqa’ ftit nies li għadhom ma ħadux it-tilqima, mill-ġimgħa d-dieħla nibdew inlaqqmu t-tfal ukoll, minn tnax-il sena ’l fuq. Min għadu ma ħax it-tilqima, vaċċin.gov.mt, jirreġistra ħa nagħtuhielu.”