Omm qed tgħid li kienet sfurzata tħalli lil binha ta’ erba’ snin elf u ħames mitt mil ’il bogħod f’Malta wara li tellgħet kontijiet ta’ £25, 000 lira waqt battalja għall-kustodja.
Missier it-tifel, Daniel Borg-Oliver, għamel offerta legali f’Ġunju wara li l-koppja nfirdet u Janice marret lura l-Iskozja ma’ binha. Issa, wara tliet kwarti mis-sena, Janice kellha tieħu d-deċiżjoni iebsa li tħalli lil Frazer warajha.
Il-Qorti ordnat biex it-tifel ma jistgħax imur id-dar fl-Iskozja sakemm il-Qorti ssolvi l-każ. Min-naħa tagħha, l-omm irritornat lura fl-impjieg tagħha fi Glasgow u qed tittama li taqla’ biżżejjed flus biex tirritorna lura Malta u tkompli l-battalja tagħha biex iġġib lil binha lura d-dar.
Kien f’Marzu li għadda, li imħallef ordna li t-tifel jgħix ma’ missieru u li l-omm setgħet biss tarah għal ftit sigħat kuljum. Iżda x-xahar li għadda, l-omm spiċċat bla flus. Wara dan kollu, hija ingħaqdet ma’ network ta’ ġenituri minn madwar id-dinja li huma maqbuda f’pajjiżi barranin u li qed jiġġieldu għall-kustodja ta’ wliedhom. Hija qalet li l-vittma f’dan kollu huwa t-tifel Frazer hekk kif mhux qed jieħu t-trobbija u t-tfulija li tixraqlu.
Stqarret li kien mument diffiċli ħafna għaliha meta tliet ġimgħat ilu kellha tħalli lil binha warajha mal-missier iżda sostniet li ma kellha l-ebda għażla oħra. Filwaqt li l-missier qed isostni li huwa każ ta’ ħtif mill-omm u li mhux minnu li ma ħallasx għall-manteniment, min-naħa tagħha l-omm qed tgħid li kien il-missier li abbanduna lit-tifel.
L-Erbgħa, l-missier wiegħed li se jiġġieled b’kull mod u sal-aħħar biex jikseb il-kustodja sħiħa ta’ ibnu u sostna li ibnu huwa kuntent ħafna f’Malta.