L-isforzi kollha li pprova jagħmel il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni Simon Busuttil fl-aħħar xhur biex jagħti x’jifhem li huwa biddel il-partit tiegħu qed jisfaxxaw fix-xejn. Il-qalb miġugħa ta’ ħafna Nazzjonalisti li fl-aħħar elezzjoni ma vvotawx lill-Partit Nazjzonalista mhux biss tidher li għadha hemm, iżda qed tikber.
Biex tirbaħ il-fiduċja tan-nies ma tridx tkun superfiċjali iżda trid tkun lest li xxamar il-kmiem, tisma’, u taċċetta fejn tkun żbaljajt. Trid tkun kapaċi tnaddaf partit u tieħu deċiżjonijiet, anke jekk iebsin.
Simon Busuttil bil-kliem qal ħafna iżda meta ġie għall-fatti, dan falla bil-kbir. Ipprova biss jonfoħ bużżieqa biex jagħti x’jifhem li hemm oppożizzjoni b’saħħitha iżda naraw biss li din il-bużżieqa daqt ser tinfaqa’ u pajjiżna jerġa’ jispiċċa b’oppożizzjoni bl-istess uċuħ li jagħmlu minn kollox biex jerġgħu jieħdu l-poter ħalli jiffangaw u jibilgħu kemm jifilħu. Oppożizzjoni li fiha ma tbiddel xejn iżda tispikka l-konsitenza għall-kilba tal-poter.
Din il-ġimgħa saħansitra rajna persuna li rriżenjat minn kunsillier tal-Partit Nazzonalista, li kien anki eks Viċi Sindku, mhux għax iddejjaq jagħti kontribut lil lokalità tiegħu iżda għax ma felaħx jara l-manuvri kontrih mid-Dar Ċentrali.
Dawn stejjer li konna nisimgħuhom u għadna nisimgħuhom. Dan kollu juri li mal-PN ma taħdimx għaliex jekk ma tkunx tal-klikka u jekk ma tkunx kapaċi timxi mal-klikka, mingħajr ma tikkritika, taqlagħha…
Min-naħa l-oħra llum għandna partit fil-Gvern li minkejja s-saħħa tal-mandat li tah il-poplu, baqa’ partit umli li jsarraf is-saħħa li tah l-elettorat fl-aħħar elezzjoni ġenerali f’xogħol, ġid għal pajjiżna u investiment bla waqfien. Gvern li jieħu ħsieb mill-kbir saż-żgħir u Gvern li jagħti vuċi lil min m’għandux.
Dan il-moviment huwa wieħed mimli ideat u b’viżjoni ċara. Moviment li kontinwament jissaħħaħ u movement b’idu miftuħa għal kulħadd. Moviment li jistieden fih lil kull minn huwa ta’ rieda tajba u jrid jaħdem għal pajjiżu.
Żgur li dak li seħħ f’dawn l-aħħar tliet snin l-ebda Prim Ministru ma kien kapaċi jwettqu. Ir-rota ta’ pajjiżna mhux talli qed iddur iżda qabdet rittmu li pajjiżi tal-madwar ma jistgħux jifhmu kif l-ekonomija tagħna hija daqshekk b’saħħitha u ma jistgħux jifhmu kif il-qagħad niżel drastikament, rekord li f’dawn l-aħħar snin qatt ma ntlaħaq.
It-tweġiba għal dan is-suċċess hija sempliċi. Illum għandna Gvern kompatt u bieżel.
Prim Ministru li kapaċi jieħu deċiżjonijiet, anke jekk iebsin u Prim Ministru li d-direzzjoni ta’ fejn għandu jwassal lil pajjiżna hija ċara ħafna. Prim Ministru determinat li jagħmel lil pajjiżna l-aqwa fl-Ewropa.
Huwa proprju għalhekk li dak li pprova jagħmel il-Kap tal-Oppożizjzoni fl-aħħar xhur, li jfixkel u jaljena lin-nies mis-suċċessi li qed jikseb dan il-Gvern, ma rnexxilux jagħmlu. Il-Prim Ministru tagħna jibqa’ l-iktar fdat f’pajjiżna u l-poplu Malti u Għawdxi baqa’ juri fiduċja assoluta f’dan il-Gvern u f’Joseph Muscat.
Għandna nibqgħu ottimisti u kburin b’dak kollu li qed jilħaq pajjiżna. Irridu nżommu f’moħħna li aħna aħwa Maltin u li għandna Gvern li jaħdem għal Maltin u l-Għawdxin kollha u mhux għal min hu Nazzjonalist jew Laburist. Dawk iż-żminijiet għaddew u r-riżultati li qed jikseb pajjiżna qed iseħħu għaliex dan il-Gvern qed jimxi fuq l-ewwel kliem li qal Joseph Muscat meta ha l-ġurament ta’ Prim Ministru, li llum rebaħ il-pajjiż kollu.