Immaġina tixtri vapur waqt irkant pubbliku tal-Qorti iżda l-pajjiż fejn hu rreġistrat l-istess vapur ma jirrikonoxxix il-bejgħ. Jew inkella tkun qed tislef vapur, u ġurisdizzjoni remota tbigħ l-istess vapur mingħajr ma jkollok idea li hemm proċeduri għaddejjin.
Dawn huma żewġ xenarji li xprunaw abbozz għal leġislazzjoni internazzjonali proposta b’rabta mal-bejgħ ġudizzjarju tal-vapuri. Abbozz li tħejja mill-Kumitat Marittimu Internazzjonali u li mistenni titressaq għal konsiderazzjoni internazzjonali fi New York f’Lulju li ġej.
Il-President tal-Kumitat Stuart Hetherington fisser kif il-kumitat twaqqaf fl-elfejn u sebgħa, bl-abbozz jitlesta fl-elfejn u erbatax.
Matul il-jum tat-Tlieta saret konferenza fil-Belt Valletta, fejn rappreżentanti ta’ tnejn u ħamsin pajjiż minn madwar id-dinja pparteċipaw u qasmu l-ideat tagħhom b’rabta ma’ dan l-abbozz.
Is-Sur Hetherington innota kif Malta għandha storja marittima mill-aqwa u minkejja ċ-ċokon tagħha, għandha rwol importanti f’din il-ħidma li qed issir. Innota kif f’seba’ snin biss, saru madwar erba mitt bejgħ minn qrati f’erba pajjiżi Ażjatiċi, filwaqt li l-problema bdiet fis-sittinijiet u dejjem kompliet tikber.
Mistoqsi jekk kienx hemm bejjiegħa Maltin li kienu vittmi ta’ din id-diskrepanza bejn il-pajjiżi, qal li ma ltaqax ma’ każijiet simili. Iżda dan ma jfissirx li ma jkunx hemm Maltin affettwati.
Il-Ministru Ian Borg qal li pajjiżna huwa post ideali għall-attivitajiet marittimi. Qa li Malta qed tappoġġja l-isforzi li qed isiru mill-kumitat marittimu għal konvenzjoni internazzjonali.
Qed inġibu madwarna d-dinja marittima bil-qiegħda fil-belt kapitali tiddiksuti kif nistgħu nkomplu nagħtu aktar ċertezza lil min jinvesti il-miljuni f’dan is-settur u primarjament anke allura issues relatati ma’ arresti u bejgħ mill-ġdid tal-bastimenti illi jkunu ġej maqbuda. U allura l-input ta’ Malta huwa li tagħti dik is-serenità fejn wieħed jista’ jiddiskuti u eventwalment niddeċiedu kif nimxu ‘l quddiem.