L-Iskola Sekondarja ta’ Ħal Kirkop fi ħdan il-Kulleġġ San Benedittu qed tenfasizza fuq l-importanza li l-istudenti jivjaġġaw b’mod sostenibbli, filwaqt li jħarsu saħħithom bl-eżerċizzju fiżiku.
It-tim tal-Ekosloka ikkordina mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop, biex aġġorna l-faċilitajiet tar-roti fl-iskola. Barra minn hekk, l-iskola applikat ukoll għal Active Travel Grant ma’ Transport Malta, biex ittejjeb aktar dawn il-faċilitajiet u tinstalla bike shelter biex tipproteġi r-roti minn temp ħażin.
Biex tkompli tippromwovi l-idea tal-ivjaġġar bir-roti u fl-istess ħin tingħata għajnuna lil kawża ġusta, l-iskola qed torganizza bike ride mill-iskola sad-Dar tal-Providenza u lura.
L-inizjattiva jisimha ‘Cycling4Charity’, se tkun organizzata nhar l-Erbgħa 14 ta’ Diċembru, u se tara l-parteċipazzjoni ta’ studenti tal-Ekoskola, ħaddiema tal-iskola stess, ġenituri, u żewġ uffiċjali tal-LESA li se jsegwu l-vjaġġ kollu.
Mal-wasla tagħhom fid-Dar tal-Providenza, l-istudenti se jippreżentaw ċekk lil wieħed mir-rappreżentanti tal-NGO u ftit wara, jerġgħu lura l-iskola bir-rota.