B’ekonomija li qiegħda tikber sena wara sena, l-akbar sfida għall-kumpaniji lokali tibqa’ n-nuqqas ta’ ħaddiema fis-suq tax-xogħol.
Sostna dan il-Kap Eżekkutiv tal-kumpanija Bortex, Peter Borg waqt żjara li għamel il-Ministru għall-Promozzjoni tal-Investiment Carmelo Abelo fil-faċilitajiet tal-kumpanija:
“Meta ikollok sitwazzjoni ta’ full employment, ovvjament issir challenging ukoll biex issib il-manpower, skilled manpower ovvjament li jkollu bżonn. Imma wieħed jagħmel kuraġġ biex ikompli jipprova jibni”.
Is-Sur Borg qal li sfida oħra li jsibu hija li l-kompetizzjoni qed tikber, speċjalment minħabba s-suq onlajn:
“Il-fatt li l-ekonomija hija daqstant b’saħħitha. Ovvjament dan ifisser li hemm konsum ikbar, in-nies jonfqu iktar. Veru wkoll li l-kompetitizzjoni hija ħafna ikbar u mhux biss lokali imma wkoll fid-dinja tal-moda, is-suq mhuwiex lokali iżda dak kollu li hemm available fuq l-internet”.
Is-Sur Borg qal li l-kumpanija ilha fis-suq għal dawn l-aħħar sittin sena u minbarra li għandha bosta ħwienet lokali, qed timraħ f’swieq internazzjonali bħalma hu dak Ingliż u Russu.
Il-Ministru Carmelo Abela tenna l-impenn tal-Gvern li jibqa’ jgħin kumpanija bħal Bortex biex jimirħu fi swieq internazzjonali:
“Dan huwa messaġġ fejn aħna naraw kif nistgħu nkomplu nagħtu l-għajnuna u s-sapport tagħna u fl-istess nħeġġu kumpaniji oħrajn forsi li qed jaħsbu li se jagħmlu dan il-pass u li forsi jsibu ċertu diffikultajiet. Aħna qegħdin hawnhekk biex ngħinuhom, qegħdin hawnhekk biex nagħtu min-naħa tagħna u ta’ Trade Malta”.
Min naħa tiegħu, is-Sur Borg qal kif il-kumpanja permezz tas-suċċess ekonomiku, qed tkompli tikber:
“L-ambizzjonijiet tagħna huma li nibnu brand mondjali li diġà qed naraw il-bażi ċkejken tagħha. Nisperaw li fiż-żmien ta’ ftit żmien ikun irnexxielna nkabbruwha ħafna aktar milli hi llum”.