Tmintax –il żgħażugħ u żagħżugħa erħewlha lejn it-Tanzania biex jitilgħu il-Kilimanjaro. Dan wara li dan l-istess grupp tella’ bosta attivitajiet biex bl-għajnuna wkoll ta’ bosta donazzjonijiet minn intrapriżi maltin ġabru ħamsa u sebgħin elf ewro biex tinfetaħ skola tat-tfal żgħar ġewwa Wush Wush fl-Ethiopia.
Tkellimna ma’ wieħed mill-organizzaturi, Austin Cachia li saħaq fuq il-ġid li qed tħalli l-isfida li qed issir ta’ kull sena.
L-organizzatur, Austin Cachia qal li “Din kienet bdiet, kien hemm Keith Marshall u Dun Ġorġ li ħalliena m’ilux, kien, xtaq, xtaqu jiġbru l-flus biex jibnu xi proġetti l-Ethiopia. Illum tnax-il sena wara, tnax –il sena wara għandna KC11. Inġabru –il fuq minn seba’ mitt elf, kważi seven hundred fifty thousand jiġifieri matul dawn is-snin kollha.”
Wieħed mill-Parteċipanti li se jkun qed imexxi lit-tim, Reuben Balzan qal kif l-isfida prinċipali se tkun l-altitudni tal-muntanja li hi għolja madwar ħamest elef tminn mija, ħamsa u disgħin metru l-fuq mill-livell tal-ilma.
Reuben Balzan, wieħed mill-parteċipanti qal li“ Żewġ sfidi prinċiparjament. L-ewwel ħaġa m’għandniex muntanji u allura m’għandekx fejn tixxabbat ma’ muntanji bl-istess livell li se nsibu hemmhekk. It-tieni sfida ċertament hija l-altitude, wada mill-affarijiet, problemi kbar li jkollok hija il-, in-nuqqas t’ossiġnu li jkun hemm minħabba l-altitudni. Ovjament aħna m’għandniex mod kif nitrenjaw għaliha Malta pero kunfidenti li se jirnexxielna xorta.
Sebastian Bianchi, Parteċipant ieħor qalilna kemm l-esperjenza wasslet ukoll biex jingħaqdu bħala grupp filwaqt li jħarsu mhux biss lejn l-għan filantropiku iżda wkoll bħala sfida li tħalli impatt kbir personalment.
Hekk kif jinżlu lura minn fuq il-muntanja wara sfida li se tieħu madwar sebat’ ijiem, il-grupp se jmorru f’Wush Wush fl-Ethiopia fejn hemmhekk se jassistu għall-inawgurazzoni tal-iskola l-ġdida li se tinfetaħ ukoll bis-saħħa tagħhom.