Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici l-Erbgħa wara nofsinhar sfida lill-oppożizzjoni biex tgħaddi lill-Gvern, proposti biex tkompli tittejjeb is-sistema tal-ġustizzja f’pajjiżna.
Waqt li kien qed iwieġeb għadd ta’ mistoqsijiet mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, il-Ministru Owen Bonnici qal li jafferma x-xewqa tiegħu li jkun jaf x’inhuma l-ideat tan-naħa l-oħra f’dan ir-rigward.
Huwa fisser li waħda mill-affarijiet li jridu jsiru hija li bħalma l-Parlament ħa l-awtonomija amministrazztiva tiegħu, hekk ukoll il-Qorti jkolla awtonomija amministrattiva fuq l-istess livell tal-parlament. Dak huwa l-pass li jmiss li l-Gvern, jemmen li għandna nimxu għalih.
Il-Ministru Bonnici qal li ħerqan jisma’ l-Oppożizzjoni x’għandha x’tipproponi, iżda fil-konkret u fit-tajjeb b’mod li jagħmel sens u b’mod li jkun titjib għall-aħjar, li jkunu proposti pożittivi li jwasslu għal sistema ta’ ġustizzja li tkun aħjar minn dik li għandna llum.
Huwa qal li s’issa kull ma sema’ kien tgħajjir fuq il-Kummissarju tal-Pulizija, fuq l-Avukat Ġenerali, proposti ta’ miżuri li qatt ma tarahom imkien, fosthom li jinbidel il-mod kif jinħatar l-Avukat Ġenerali. Meta lill-Oppożizzjoni staqsewha jekk hemmx xi post ieħor fid-dinja fejn isir kif qed jipproponu, it-tweġiba kienet “Le”.
Dr Delia qal fuq il-ġustizzja il-proposti l-Oppożizzjoni għamluhom f’Ottubru meta ddikjaraw il-ħtiġijiet tal-pajjiż, mhux biss b’mof politiku imma b’mod li jissaħħu l-istituzzjonijiet. Għadu dispost il-gvern illum li jiddiskuti għax dak iż-żmien ma kienx? Staqsa u żied jgħid li l-liġijiet li lesti jippreparaw huma jgħaddu f’terminu qasir b’rieda anke tal-gvern.
Il-Ministru Bonnici qal li fejn jidħol titjib fil-qasam tal-ġustizzja, il-Gvern huwa miftuħ biex ikompli jtejjeb u jrid jaħdem mal-Oppozizzjoni, għax hekk trid il-Kostituzzjoni, u hekk hemm bżonn.
Aktar qabel fakkar li meta l-Kummissjoni Bonello talbet lill-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil biex jagħtih kummenti, proposti jew ideat dwar il-0ġustizzja, dan ma tah xejn.
Il-Ministru qal li meta l-Partit Laburista tela’ fil-Gvern, l-aktar kawza qadima li kien hemm fil-qorti kienet tmur lura għall-1931.