F’impenn qawwi ta’ saħħa fiżika u mentali, qed tittella’ sfida fuq erbat ijiem fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq bħala parti minn moviment dejjem jikber biex titnaqqas l-istigma fost l-irġiel dwar problemi ta’ saħħa mentali, waqt li jiġu promossi soluzzjonijiet proattivi u aċċessibbli li jgħinu f’ċirkostanzi simili.
Sa nhar it-Tnejn li ġej, Mark u Jon minn Vitera qed iqattgħu sitt sigħat kuljum fid-dixxiplini tal-għawm, il-ġiri u ċ-ċikliżmu biex iqajmu għarfien dwar is-saħħa mentali fl-irġiel, ladarba hu xjentifikament ipprovat li l-attività fiżika timpatta b’mod pożittiv fuq is-saħħa psikoloġika.
Dan anke wkoll għax, bħala stat ta’ fatt, l-irġiel inqas ifittxu l-għajnuna għall-kura mentali min-nisa, bil-konsegwenza li r-rati ta’ suwiċidju huma tliet darbiet iżjed kemm f’Malta kif ukoll globalment.
Il-Prim Ministru Robert Abela żar l-isfida li qed issir is-Sibt filgħodu fejn mhux biss faħħarhom għall-inizjattiva, iżda, bħala persuna li hu stess involut f’attività fiżika, tkellem dwar l-importanza tal-isports fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna.
Xi ħaġa li anke l-Gvern qed jimbotta l-politika nazzjonali favur iżjed attività fiżika fost is-soċjetà.
Għadd ta’ persuni qed jingħaqdu ma’ Mark u Jon f’din l-impriża b’għan nobbli, li bdiet mill-Ġimgħa.

