Il-programm popolari Pjazza għada se jniedi kampanja ġdida bl-isem ta’ “Sfida 30” fejn il-mira se tkun li jinġabru €30,000 b’risq il-ħidma tal-Partit Laburista.
“Din hi sfida ferm akbar minn dik ta’ sentejn ilu, iżda nemmen li b’ħidma u b’aktar impenn mingħandi, kif ukoll mingħand ilcrew li hu s-sinsla wara s-suċċess tal-programm Pjazza, kapaċi wkoll nilħqu ċ-ċifra l-ġdida ta’ €30,000 f’temp ta’ ħamest ijiem bejn għada u nhar il-Ġimgħa,” qalilna Karl Stagno Navarra, il-preżentatur tal-aktar programm televiżiv segwit fil-faxxa ta’ filgħaxija.
Sentejn ilu l-programm popolari televiżiv Pjazza ġabar mal€35,000 f’temp ta’ ġimgħa, waqt kampanja mlaqqma “SFIDA10”, li kienet ukoll taħbat mal-10 anniversarju fit-tmexxija tal-Eks Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat.
“Dakinhar kellna mira li niġbru €10,000 f’temp ta’ ġimgħa tul il-programmi tagħna. Il-poplu rrisponda b’ġenerożità kbira, tant li ġbarna ħafna iżjed milli stennejna. Fil-fatt ġbarna €35,000!” kompla Stagno Navarra.
Minn għada, fil-programm, li jixxandar mis-6:30 ta’ filgħaxija, se jkunu qegħdin jidhru n-numri fejn jistgħu jsiru d-donazzjonijiet mill-pubbliku. Minbarra hekk, appena jispiċċa, Pjazza se jkun qed joħroġ mill-istudio għal dan il-għan u jżur iċ-Ċentri Laburisti minn fejn ikun jista’ jkompli l-isfida tiegħu.