Miet is-sewwieq żagħżugħ ta’ 27 sena, li weġġa’ waqt inċident f’Hollywood Casino The Meadows fil-Kontea ta’ Washington nhar l-Erbgħa.
Hunter Myers, minn Ohio, kien involut f’ħabta bejn diversi żwiemel waqt tiġrija bis-serkin li kienet il-ħdax-il waħda f’programm ta’ 13.
Iż-żwiemel u s-sewwieqa l-oħra involuti fl-inċident ma sofrewx ġrieħi gravi.
Myers mill-ewwel ittieħed b’ħelikopter fl-isptar f’Pittsburgh fejn sfortunatament miet aktar tard.
Il-komunità tat-tiġrijiet taż-żwiemel mill-ewwel irrikorrew għall-mezzi soċjali sabiex isellmu l-memorja ta’ Myers filwaqt li wasslu l-kondoljanzi lill-għarusa tiegħu Chloe Fisher u ibnu Hayden Myers.
Hunter Myers kien meqjus bħala sewwieq promettenti u wieħed mill-istilel tal-futur. Huwa kien ilu jsuq minn meta kellu 16-il sena u skont il-United States Trotting Association saq fi 19,608 tiġrija. Ta’ 24 sena huwa kien diġa rreġistra l-elf rebħa tiegħu. B’kollox huwa ħareġ rebbieħ 2,450 darba. Huwa kien ġej minn familja b’ġenerazzjonijiet fil-qasam ta’ dan l-isport li jmorru lura għal bużnannuh. Fost l-aqwa tiġrijiet li rebaħ is-sena l-oħra kien hemm il-Moni Maker Stakes.
Sadanittant il-Meadows Standardbred Owners Association ħabbru li kienu qed jikkanċellaw it-tiġrijiet skedati għal din il-ġimgħa.
S’issa għadhom ma ħarġux dettalji dwar x’wassal għal dan l-inċident fatali.