Mara ta’ 30 sena residenti l-Gżira li kienet passiġġiera fuq mutur sofriet ġrieħi gravi wara inċident stradali.
L-inċident seħħ għall-ħabta ta’ 12.10 fi Triq Mikiel Anton Vassalli, l-Imsida. Minn stħarriġ preliminari rriżulta li mutur tal-għamla Peugeot Tweet safa milqut minn vettura tat-tip Range Rover Evoque. Il-mutur kien misjuq minn raġel ta’ 35 sena residenti San Pawl il-Baħar li sofra minn ġrieħi ħfief.
Il-vettura tal-għamla Range Rover kienet misjuqa minn mara ta’ 41 sena residenti s-Swieqi li ma sofriet l-ebda ġrieħi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.