Sewwieq ta’ mutur sofra ġrieħi gravi f’inċident tat-traffiku fi Triq Sant Andrija f’ Pembroke, għall-ħabta tas-siegħa u nofs ta’ wara nofsinhar.
Il-Pulizija mid-Distrett ta’ San Ġiljan marru minnufih fuq il-post, fejn minn stħarriġ preliminari illi sar, irriżulta li sar impatt bejn Suzuki Samurai misjuqa minn żgħażugħ residenti Pembroke stess, u mutur tat-tip Honda misjuq minn raġel ta’ erbgħin sena minn San Pawl il-Baħar.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ħa lill-vittma l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa fejn ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.