Sewwieq ta’ mutur indarab gravi wara li baqa’ dieħel f’armatura ta’ ħanut f’San Ġiljan.
Il-każ seħħ illum, għall-ħabta tas-sagħtejn u nofs fi Triq Elija Żammit, San Ġiljan.
Il-Pulizija tad-Distrett marru immedjatament fuq il-post u l-ewwel investigazzjonijiet juru li Libjan ta’ 32 sena li jgħix is-Swieqi, tilef il-kontroll tal-mutur Honda li kien qed isuq u daħal f’armatura ta’ ħanut.
Ir-raġel ingħata l-ewwel għajnuna minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza.
Aktar tard hu ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett għadhom għaddejjin.