Sewwieq ta’ mutur ta’ 24 sena ndarab gravi wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fin-Naxxar.
Il-każ seħħ ilbieraħ, għall-ħabta tat-tmienja ta’ filgħaxija fi Triq San Pawl.
Il-Pulizija marret immedjatament fuq il-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li seħħet ħabta bejn mutur Honda, misjuq miż-żagħżugħ mill-Iklin, u vettura BMW, misjuqa minn żagħżugħ ta’ 22 sena min-Naxxar.
Ix-xufier tal-mutur ingħata l-għajnuna minn tim mediku, ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza u ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi.