Sewwieq ta’ mutur ta’ 43 sena minn Ħ’Attard qed isofri minn ġrieħi gravi wara li kien involut f’inċident tat-traffiku ma’ mutur ieħor f’Santa Venera.
Il-każ seħħ it-Tnejn filgħaxija għall-ħabta tat-tmienja meta seħħet ħabta fi Triq Reġjonali taħt il-mini ta’ Santa Venera bejn il-mutur misjuq mill-vittma u mutur ieħor li telaq minn fuq il-post tal-inċident.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna u s-sewwieq tal-mutur ittieħed l-isptar b’ambulanza.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin u qed issir tfittxija għall-mutur involut fil-ħabta.