Sewwieq ta’ mutur ta’ 48 sena li joqgħod il-Pietà weġġa’ gravi wara inċident tat-traffiku f’Birkirkara.
L-inċident seħħ għall-ħabta tad-disgħa neqsin kwart ta’ filgħaxija tal-bieraħ fi Triq Dun Karm.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li kienet seħħet ħabta
bejn mutur u Nissan Qashqai misjuqa minn raġel ta’ 46 sena residenti Wied il-Għajn.
Is-sewwieq tal-mutur ingħata l-għajnuna minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza, fejn ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi.
Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.