Raġel ta’ 31 sena mill-Pakistan li jgħix Ħaż-Żebbuġ weġġa’ gravi f’ħabta li seħħet ma’ karozza li baqgħet sejra.
L-inċident seħħ għall-ħabta tat-tmienja u nofs ta’ dalgħodu fi Triq l-Imdina, f’Ħaż-Żebbuġ, meta saret ħabta bejn mutur tat-tip Yamaha misjuq mill-vittma, u vettura li telqet minn fuq il-post tal-inċident.
Ir-raġel ingħata l-għajnuna minn tim mediku u ttieħed l-isptar b’ambulanza għal aktar kura.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin u qed issir tfittxija għas-sewwieq tal-vettura nvoluta fil-ħabta.