Sewwieq ta’ mutur ta’ 45 sena li jgħix Wied il-Għajn weġġa’ gravi wara li kien involut f’inċident ta’ traffiku.
L-inċident seħħ fit-8 ta’ filgħodu fil-Foss Ta’ Crown Works, il-Furjana.
Fuq il-post marru l-Pulizija li mill-ewwel stħarriġ irriżulta li seħħet ħabta bejn karozza misjuqa minn raġel ta’ 57 sena li jgħix Birżebbuġa u l-mutur misjuq mir-raġel minn Wied il-Għajn.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza ħadet lis-sewwieq tal-mutur l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.