Raġel ta’ 37 sena minn Pembroke qed isofri minn ġrieħi gravi wara li kien involut f’inċident tat-traffiku. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-11:30 tat-Tnejn filgħaxija fi Triq Mikiel Anton Vassalli direzzjoni lejn San Ġiljan.
Il-Pulizija tad-Distrett marru mill-ewwel fuq il-post u minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li seħħet ħabta bejn mutur tal-għamla Kawasaki Ninja misjuq mill-vittma u karozza tal-għamla Suzuki Baleno, li kienet qed tinstaq minn Irlandiż ta’ 44 sena minn San Ġwann.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku mill-Isptar Mater Dei li ta l-ewwel għajnuna. Ix-xufier tal-mutur ittieħed l-isptar għal aktar kura. Iktar tard, hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.