Sewwieq ta’ mutur indarab gravi wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fil-Mosta.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-6:10 ta’ dalgħodu fi Triq l-Aħwa Galea, il-Mosta.
Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post u mill-ewwel stħarriġ li sar, irriżulta li għal xi raġuni, kienet seħħet ħabta bejn mutur tat-tip Yamaha YP250 u karozza tal-għamla Renault Kadjar.
Is-sewwieq tal-mutur – żagħżugħ ta’ 27 sena residenti Ħal Lija, ittieħed l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza sabiex jiġi ikkurat għal ġrieħi li sofra. Filwaqt li x-xufier tal-vettura l-oħra, li għandu 54 sena u joqgħod il-Mosta, ma sofra l-ebda ġrieħi.
Iktar tard ir-raġel ta’ 27 sena ġie iċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.
L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadha għaddejja.