Sewwieq ta’ mutur sofra ġrieħi gravi wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fil-Mellieħa.
L-inċident seħħ ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tat-20:15 fl-inħawi magħrufa bħala l-Aħrax limiti tal-Mellieħa.
Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post, fejn minn stħarriġ preliminari illi sar irriżulta li kien għadu kemm seħħ impatt bejn mutur tat-tip Piaggio Runner misjuq minn raġel Taljan ta’ 36 sena residenti r-Rabat, Malta u vettura tat-tip Kia Sportage misjuqa minn raġel ta’ 65 sena residenti l-Mellieħa.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lis-sewwieq tal-mutur l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa fejn aktar tard ġie iċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr A Demicoli LL.D li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.