Chris Marlin huwa r-raġel ta’ ħamsin sena minn Ta’ Xbiex li tilef ħajtu traġikament f’inċident bil-mutur f’Ħal Tarxien.
L-inċident seħħ mat-tokki ta’ nofsillejl meta r-raġel x’aktarx tilef il-kontroll tal-mutur tat-tip Kawasaki li kien qed isuq fid-direzzjoni mill-Marsa lejn Ħal Tarxien, u ħabat mar-roundabout magħrufa tax-Xintill.
Fi stqarrija tal-Pulizija ntqal li malli daħal ir-rapport, issejjaħ tim mediku biex jassisti lill-vittma, iżda sfortunatament miet mad-daqqa u t-tobba ċċertifikawh mejjet fuq il-post.
Hekk kif bdiet tidwi l-aħbar tal-inċident fatali l-Ħadd filgħodu, dawk l-aktar qrib Marlin dlonk bdew iħallu messaġġi ta’ sogħba fuq il-profil tiegħu fuq Facebook.Ħbieb, kollegi, u ġirien, ilkoll ixxukjati bl-aħbar, kitbulu kemm kien bniedem li jġib tbissima fuq fomm kulħadd.
Ħabiba tiegħu kitbitlu li bħalma f’ħajtu kien iħalliha bla kliem bl-azzjonijiet twajba li kien jagħmel, issa ħalliha bla kliem għax ħalla din id-dinja.
Nies li kienu jafuh qalu ma’ ONE News li l-mutur li temm ħajjet il-missier ta’ żagħżugħ ta’ sbatax-il sena, huwa l-istess mutur li bih tilef ħajtu Adrian Borg ta’ tnejn u tletin sena għaxar snin ilu, f’jum li wkoll inzerta kien il-Ħadd. L-inċident kien seħħ fit-telgħa ta’ bejn Burmarrad u l-Mosta f’Marzu tal-elfejn u sebgħa.
Intant, dwar il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali, u l-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet.
Rapporti fil-midja lokali qalu li l-investigazzjoni ħadet żvolta meta żagħżugħ ta’ dsatax-il sena minn Ħal Qormi informa lill-Pulizija li meta kien wieqaf fuq id-dwal tat-traffiku ħdejn iċ-ċimiterju tal-Addolorata, kien hemm mutur li ħabat fil-ġenb tal-karozza tiegħu.
Skont il-ġuvni, wara li raw il-ħsarat, ftehmu li jsir rapport lill-Pulizija, u filwaqt li Chris Marlin kompla fi triqtu lejn Vjal Santa Luċija, huwa mar l-Għassa ta’ Ħal Qormi jirraporta l-inċident.
Ir-rapport kompla jgħid li l-Pulizija qed tivverifika l-verżjoni tal-fatti permezz ta’ kameras tas-sigurtà.