Sewwieq ta’ mutur ta’ 30 sena li jgħix Ħ’Attard jinsab fil-periklu tal-mewt wara li ntlaqat minn karozza meta kien għaddej bil-mutur.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-11:10pm tal-bieraħ fil-bypass ta’ San Pawl il-Baħar. Il-Pulizija ssejħet fuq il-post minnufih, fejn ir-raġel qalilhom li ntlaqat minn karozza li baqgħet sejra meta kien għaddej bil-mutur.
Hu ngħata l-ewwel għajnuna minn tim mediku fuq il-post, iżda ttieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura fejn ġie ċċertifikat li ndarab serjament.
Il-Maġistrat tal-Għassa Astrid May Grima ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.