Sewwieq ta’ mutur ta’ tmienja u għoxrin sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara li kien involut f’inċident tat-traffiku matul il-lejl li għadda għall-ħabta tal-kwarta.
L-inċident seħħ fi Triq Ġorġ Borg Olivier f’San Ġiljan.
Stħarriġ preliminari wera li r-raġel mis-Serbja kien qed isuq il-mutur fid-direzzjoni lejn il-Balluta, meta ħabat mal-bankina u tilef il-kontroll.
Ambulanza li marret fuq il-post ħadet lir-raġel l-Isptar Mater Dei għall-kura fejn aktar tard ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr. Natasha Galea Sciberras li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti biex jassistuha. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.