Sewwieq ta’ mutur jinsab fil-periklu tal-mewt wara li kien involut f’inċident tat-traffiku f’Ħal Luqa.
Il-każ seħħ illum, għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ waranofsinhar, fi Triq Ħal Far, Ħal Luqa.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li kienet seħħet ħabta bejn mutur Peugeot Tweet misjuq minn raġel ta’ 31 sena residenti Birżebbuġa, Isuzu TFR misjuq minn raġel ta’ 58 sena residenti s-Siġġiewi u Mitsubishi RVR misjuq minn raġel ta’ 31 sena residenti Ħaż-Żabbar.
Is-sewwieq tal-mutur ingħata l-għajnuna minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza, fejn ġie ċċertifikat li weġġa’ serjament.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Rachel Montebello li fetħet inkjesta filwaqt li l-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.