Raġel ta’ 48 sena mill-Fontana, Għawdex, jinsab fil-periklu tal-mewt wara inċident tat-traffiku, Triq l-Imġarr, f’Għajnsielem, f’Għawdex.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-siegħa u kwart ta’ waranofsinhar, meta seħħet ħabta bejn vettura tat-tip, Volkswagen Golf misjuqa minn Albaniż ta’ 33 sena residenti l-Munxar, u mutur Suzuki misjuq mill-vittma.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u s-sewwieq tal-mutur ittieħed fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex permezz t’ambulanza, fejn ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Brigitte Sultana li fetħet inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.