Raġel ta’ 49 sena li kien qed isuq mutur iddaħħal l-isptar isofri minn ġrieħi wara inċident tat-traffiku. Ftit tal-ħin wara kien ċertifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt.
Kien għal ħabta tas-19.00 li l-Pulizija kienu mgħarrfa bl-inċident u marret fuq il-post, fejn minn stħarriġ preliminari jirriżulta li kienet seħħet ħabta bejn mutur tat-tip Kawasaki, misjuq minn raġel ta’ 49 sena, residenti l-Mellieħa u Peugeot Partner, misjuq minn raġel ta’ 33 sena, residenti n-Naxxar. Fl-inċident kienet involuta ukoll karozza tat-tip Fiat Punto, misjuqa minn raġel ta’ 29 sena, residenti Għajnsielem.
Fuq il-post issejjħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili, flimkien mat-tim mediku li assistew lis-sewwieq tal-mutur, li ttieħed l-isptar għall-kura medika.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija mid-Distrett tan-Naxxar għadhom għaddejjin.