Sewwieq ta’ mutur qed isofri minn ġrieħi gravi wara li dalgħodu intlaqat minn karozza misjuqa minn mara ta’ 40 sena minn Ħal-Balzan. L-nċident seħ għall-ħabta tas-7.30 am fi Vjal De Paule, Ħal Balzan.
Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post, fejn minn stħarriġ preliminari illi sar irriżulta li l-mara li kienet qed issuq karozza tal-għamla Opel Astra ħabtet ma’ mutur Yamaha li kien qiegħed jiġi misjuq minn raġel ta’ 62 sena minn Ħal Balzan ukoll.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lir-raġel l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Aktar tard, huwa ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi gravi. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.