Sewwieq ta’ mutur qed isofri minn ġrieħi gravi wara ħabta ma’ karozza kmieni dalgħodu fl-Imġarr, Malta.
Jidher li għall-ħabta tas-06:30, mutur tat-tip Honda misjuq mill-vittma, li għandu 27 sena u jgħix Marsaskala, ħabat ma’ karozza Volkswagen Bora misjuqa minn Tuneżin ta’ 58 sena li jgħix il-Mellieħa.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lis-sewwieq tal-mutur l-Isptar Mater Dei, fejn ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.