Sewwieq ta’ karozza ma nstabx ħati li hu responsabbli għall-inċident li fih tifel ta’ 13-il sena ttajjar u spiċċa b’diżabilità permanenti ta’ 82%.
F’kawża ċivili li fetħu l-ġenituri tat-tifel fuq każ ta’ 11-il sena ilu ntqal li t-tifel għamel tliet xhur f’koma fit-taqsima għall-kura intensiva wara li kien fuq rota u ttajjar minn karozza f’salib it-toroq bejn Triq Santa Marija u Triq Imġarr ix-Xini fix-Xewkija.
Intqal li t-tifel, li kien qed isuq ir-rota kellu f’idejh panina u flixkun tal-ice-tea.
Ġie spjegat li t-tifel ħareġ fit-triq prinċipali bl-addoċċ u ġie wiċċ imb wiċċ mal-karozza ta’ John Hili, li pprova jevita li jtajjar lit-tifel iżda ma setax jevita l-impatt.
Fil-Qorti ntqal li x-xufier lissen il-kliem, “Madonna tajjart tifel, ċemplu għall-ambulanza”.
Espert tal-Qorti qal li ma nstabux marki tal-brekijiet tar-rota anki jekk il-brekijiet tagħha kienu qed jaħdmu sew filwaqt li nstabu kważi 11-il metru marki tal-brekijiet tal-karozza, li juru biċ-ċar li s-sewwieq tal-karozza pprova jevita l-impatt.
L-espert tal-Qorti nnota li Hili kien għaddej b’veloċità ta’ 32 kilometru fis-siegħa, li turi kif kien sew taħt il-limitu permess fit-triq.
Hili ma kienx instab ħati lanqas b’ikkawżar involontarju ta’ ġrieħi serji.
Fil-kawża ċivili, il-Maġistrat Bridgette Sultana qalet li ma hemmx dubju li n-nuqqas ta’ ħsieb mis-sewwieq tar-rota, li lanqas kien liebes elmu u ma ħarisx min ġej fit-triq, wasslet għall-inċident.
Intant bejn il-kumpanija tal-assigurazzjoni u l-familja tat-tifel kien intlaħaq ftehim ta’ €45,000 kumpens.