Ilbieraħ filgħaxija, għall-ħabta tal-10.15pm, il-Pulizija ġiet infurmata li kien għadu kemm seħħ inċident tat-traffiku fi Triq Ħal Far, Birżebbuġa.
Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post u mill-ewwel stħarriġ li sar, irriżulta li kienet seħħet ħabta bejn Hyundai Accent u Volkswagen Golf. Jidher li sussegwentement, il-Hyundai kellha wkoll impatt ma’ Suzuki Swift.
Is-sewwieq tal-Volkswagen li għandu 21 sena, residenti l-Marsa sofra xi ġrieħi u għaldaqstant kellu jittieħed l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza. Aktar tard, huwa ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi gravi filwaqt li r-raġel li kien qed isuq il-Hyundai, li għandu 54 sena, residenti Ħal Qormi ma sofra l-ebda ġrieħi.
Mara ta’ 27 sena li toqgħod Ħal Kirkop kienet qiegħda ssuq il-vettura tat-tip Suzuki u magħha kien hemm passiġġier ta’ 58 sena, wkoll residenti Ħal Kirkop. Il-mara ma sofriet l-ebda ġrieħi filwaqt li l-passiġġier kellu jingħata l-kura meħtieġa f’ċentru tas-saħħa.
Fuq il-post issejħu wkoll membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jassistu.
L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadha għaddejja.