Trakk li jiġbor l-iskart u li jiżen żewġ tunnellati, imbelgħa totalment f’ħofra li kienet ikkawżata minn inżul ta’ triq prinċipali fil-Ġappun bis-sewwieq jibqa’ mirdum ġewwa.
Il-ħofra, li kienet fonda 20 pied u b’dijametru ta’ 32 pied, iffurmat f’parti ta’ triq fil-belt ta’ Yashio li minnha jgħaddi ħafna traffiku.
Uffiċjali qalu li l-inċident seħħ it-Tlieta fl-10:00 ta’ filgħodu ħin lokali u hu maħsub li kien ikkawżat b’qasma fil-pajp tad-dranaġġ li jinsab fin-Nakagawa River Basin.
Is-sewwieq, li għandu 74 sena, ma setax joħroġ mit-trakk peress li kien midfun taħt ir-ramel u t-tajn u l-ħaddiema tas-salvataġġ bdew jippumpjaw l-arja fil-ħofra sabiex ikun jista’ jieħu n-nifs. Filwaqt li fil-bidu deher li kien qed jikkomunika magħhom, aktar tard kien irrappurtat li ma kienux baqgħu f’kuntatt miegħu hekk kif kien ilu maqbud għall-aktar minn 30 siegħa.
Mill-anqas tnax-il trakk tal-pumpiera marru fuq il-post biex jgħinu f’din l-operazzjoni delikata.
Il-pulizija qalu li kienu qed jinvestigaw il-kawża ta’ din il-ħofra li seħħet fi triq mimlija ristoranti u negozji anqas minn mil ’il bogħod mill-Yashio City Hall.
Madwar 150 persuna ġew evakwati hekk kif kien hemm il-biża li taħt l-art seta’ kien hemm għaddej pajp tal-gass.
Dalgħodu kienet qed titkompla l-operazzjoni ta’ salvataġġ fejn beda jiġi ppumpjat l-ilma li kien akkumula u għatta l-post fejn kien is-sewwieq. Aktar kmieni kien irnexxielhom itellgħu parti mit-trakk.
Dan il-kollass imblokka pajpijiet tad-dranaġġ oħra fejn ġab restrizzjonijiet fi 12 il-belt u villaġġ bil-mijdja Ġappuniża tgħid li kienu affetwati madwar 1.2 miljun persuna.