Minkejja li llum hija festa pubblika, il-Pulizija għamlet diversi spezzjonijiet fit-toroq Maltin fejn ħarket 64 sewwieq minħabba sewqan eċċessiv. Fost dawn instabet karozza li kienet għaddejja bil-185 kilometru fis-siegħa f’żona ta’ 80 kilometru fil-bypass ta’ San Pawl il-Baħar. Dan qalitu l-pulizija fi stqarrija l-Ħadd wara nofsinhar.
Fost il-postijet fejn saret din l-operazzjoni kien hemm Triq il-Kosta, il-Bypass ta’ San Pawl il-Baħar u fil-Mellieħa.
Din l-operazzjoni saret f’operazzjoni konġunta bejn it-Taqsimiet tal-Pulizija tat-Traffiku, tar-Rapid Intervention Unit u tas-Special Intervention Unit.
Il-pulizija temmet din l-istqarrija billi qalet li se tkompli tagħmel xogħol simili fuq spezzjonijiet b’rabta mal-imxija tal-Coronavirus.