Dan il-filmat dwar Valletta 2018 u l-ġmiel tal-Belt Valletta qed jintwera lill-Kummissarji Ewropej, sabiex jifhmu dak li qed isir qabel il-kapitali Maltija ssir kapitali tal-kultura.
Bħala parti minn konferenza Ewropea dwar id-diplomazija fil-kultura, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħazagħ u Sport Tibor Navracsis qal li l-kultura kapaċi tqarreb pajjiżi li huma differenti minn xulxin. Il-Belt Valletta, bil-karatteristiċi uniċi tagħha, se jkollha rwol f’dan kollu, speċjalment meta tqis li meta tkun Belt Kapitali Ewropea, se tkun ukoll is-sena ddedikata għall-patrimonju kulturali fl-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru Owen Bonnici qal li l-kultura llum qed tintuża bħala għodda li ġġelled, b’sentimenti ta’ razziżmu u selettività bejn kultura u oħra. Spjega minflok li għandha tintuża bħala għodda li ġġib l-għaqda. Kien iffirmat ftehim bejn ħames pajjiżi Mediterranji fl-Ewropa u ħames pajjiżi mill-Afrika ta’ Fuq, biex iservi ta’ bażi għal aktar koperazzjoni kulturali. Malta u t-Tuneżija lbieraħ kellhom taħdidiet biex dan il-ftehim jibda jħalli l-frott, fost oħrajn bi skambji ta’ talenti. Preżenti għall-konferenza kien hawn il-Ministru Tuneżin għall-Kultura.