Il-Ġimgħa filgħaxija, Sevilla rebħu l-UEFA Europa League għas-sitt darba fl-istorja tagħhom, meta huma għelbu lil Inter bl-iskor ta’ 3-2.
Il-finali ta’ din il-kompetizzjoni Ewropea ntlagħbet ġewwa Cologne, il-Ġermanja.
Kien it-tim Taljan ta’ Inter li mar fuq quddiem wara biss ħames minuti hekk kif il-Belġjan Romelu Lukaku skurja minn penalty.
Fit-tnax-il minuta, it-tim Spanjol ġab id-draw permezz ta’ Luuk De Jong. Imbagħad fit-tlieta u tletin minuta, Sevilla marru fil-vantaġġ meta Luuk De Jong skurja t-tieni gowl tal-partita.
Tliet minuti wara, Inter skurjaw permezz ta’ Diego Godin li bis-saħħa tiegħu t-tim Taljan ġab l-iskor indaqs.
Imbagħad fit-tieni taqsima, Sevilla reġgħu marru fil-vantaġġ, fl-erbgħa u sebgħin minuta wara li Diego Carlos għamel rovexxjata, bil-ballun ħabat ma’ sieq Lukaku u l-ballun daħal fix-xibka.
Ir-referee tal-partita kien l-Olandiż Danny Desmond Makkelie.
Wara l-logħba, il-plejers ta’ Sevilla għollew it-tazza li issa rebħuha rekord ta’ sitt darbiet f’erbatax-il sena u l-kowċ tat-tim Julen Lopetegui nfaqa’ jibki f’emozzjoni kbira ta’ ferħ.