Ix-xahar ta’ Settembru wkoll se jkun xahar ta’ spetakklu fi Pjazza Teatru Rjal.
Nhar il-Ġimgħa, 6 ta’ Settembru, Pjazza Teatru Rjal se jilqa’ lil Crossbones Trombones. Dan il-grupp mill-Belġju ta’ ħames mużiċisti professjonali ngħaqdu flimkien permezz tal-passjoni komuni tagħhom għall-istrument.
Ir-repertorju tagħhom ivarja minn mużika klassika għal mużika pop u tal-films, b’arranġamenti speċjali għal ħames trumbuni li jsaħħru lill-udjenzi tagħhom madwar id-dinja kollha.
Fit-13 ta’ Settembru, il-Malta Concert Orchestra, taħt id-direzzjoni ta’ Maestro Joe Brown se tkun qed ittella’ kunċert ieħor innovattiv: MCO Soul, Rhythm ‘n’ Blues.
Dan il-ġeneru ta’ mużika twieled fil-komunitajiet Afro-Amerikani u huwa kkaratterizzat mill-emozzjoni fil-kant, melodiji li tibqa’ tiftakarhom, u ritmi b’saħħithom.
L-orkestra, flimkien mal-kantanti Olivia Lewis, Mike Spiteri u Christian Arding, se tkun qed teżegwixxi siltiet immortali bħal Soul Man in America, Sweet Soul Music, Stand By Me, u Dancing in the Street fost oħrajn.
L-aħħar kunċert tas-Sajf għall-Malta Concert Orchestra se jkun dak tas-27 ta’ Settembru, bl-isem Music from the Movies. L-orkestra se tippreżenta mużika li s-soltu nassoċjawha maċ-ċinema, flimkien mal-kantanti Edward Ellul, Talitha Dimech u Victorio Gauci, taħt id-direzzjoni ta’ Maestro Joe Brown.
Dawn il-kunċerti kollha jibdew fit-tmienja u nofs ta’ filgħaxija.