Matul Settembru li għadda, aktar minn tmien mitt elf passiġġier għaddew mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Dan ħareġ minn ċifri uffiċjali tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta li wrew li, fix-xahar li għadda, tmien mija u tnax-il elf passiġġier għamlu użu mill-MIA.
Dan isarraf f’żieda ta’ sitta punt ħamsa fil-mija fuq il-livelli tal-elfejn u dsatax, li kienet l-aħħar sena rekord għat-turiżmu lokali.
Meta mqabbel mal-2019, dan it-tkabbir kien irreġistrat flimkien ma’ żieda ta’ 3.0% fil-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet minn u lejn pajjiżna.
Minkejja din iż-żieda, is-seat load factor, li jindika kemm minn dawn il-postijiet imtlew, kien wieħed għoli ta’ 89.2%, li wera li d-domanda biex wieħed jivvjaġġa baqgħet waħda b’saħħitha ħafna.
Fost l-aqwa ħamest iswieq tal-ajruport ma kienx hemm ċaqliq, hekk kif l-Italja baqgħet fuq nett u, għal xahar ieħor, kienet segwita mir-Renju Unit, il-Ġermanja, Franza u Spanja.
Dawn il-ħamest iswieq flimkien iġġeneraw 66% tat-traffiku kollu għal Settembru.
Filwaqt li l-Italja u Franza rreġistraw tkabbir sinifikanti fuq l-2019, ir-Renju Unit u l-Ġermanja baqgħu taħt il-livelli tal-2019, filwaqt li s-suq Spanjol kellu tnaqqis marġinali ta’ 0.1%.