Awwissu la tarah u lanqas tmissu, u għada jisbaħ Settembru – ix-xahar tal-ħarifa, tal-iskola kif ukoll tax-xita.
U propju ix-xahar li jagħlaq l-istaġun sajfi immedjatament jidher li se jtina togħma tal-ħarifa, hekk kif l-ewwel ħamest ijiem tax-xahar huma previsti li jkunu kkaretterizzati minn xita li tvarja minn ħalba żgħira sa anke possibilment maltempata bir-ragħad.
Fl-aħħar jiem ta’ Awwissu kien hemm diġa xi ftit perjodi ta’ xita, iżda sa issa għada m’għamlitx il-ħalba tradizzjonali li bħal donnu timmarka t-tmiem tas-sajf u l-bidu tal-ħarifa, għalkemm l-istaġun sajfi uffiċjalment fadallu kważi xahar biex jintemm.
Skont l-uffiċju Meteroloġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, tul il-jum tal-Ħadd mistennija xi ħalbiet iżolati, bit-Tnejn imbassar li naraw l-ewwel maltempata bir-ragħad. It-tlieta se jsegwi b’ħalbiet tax-xita f’xi ħinijiet, bl-Erbgħa terġa tirritorna l-possibilità ta’ maltempata. Għall-Ħamis, mistennija iżjed ħalbiet iżolati.
Iżda għalkemm forsi ix-xemx se tidher inqas, xorta se tibqa’ tiddomina s-sħana li kkaretterizzat dan is-sajf, bit-temperatura tul il-jum madwar 29 grad celcius iżda li tinħass 32 grad celcius.