Għall-ewwel darba mill-1999 lil hawn, in-numru ta’ passiġġiera li għadda mlil-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta matul Settembru qabeż dak t’Awwissu.
Dan skont ċifri mogħtija mill-kumpanija li tmexxi l-ajruport.
Fi stqarrija ntqal li matul ix-xahar li għadda, il-mitjar Malti laqa’ qrib l-420,000 passiġġier.
Dan kien l-aktar xahar b’saħħtu għall-ajruport minn mindu faqqgħet il-pandemija.
Ir-Renju Unit żamm postu bħala l-iktar suq li jiġġenera traffiku tal-passiġġieri għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, b’iktar minn 108,000 passiġġier li wasal minn jew vjaġġa lejn din id-destinazzjoni f’Settembru.
Is-suq mistenni jkompli jirkupra fix-xhur li ġejjin, meta jibda jinħass l-impatt tad-deċiżjoni tal-Gvern Ingliż li jerħi r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar. Wara r-Renju Unit, l-iktar swieq li kellhom prestazzjoni tajba kienu l-Italja, il-Ġermanja, Franza u Spanja.
Għall-iskeda tax-xitwa, mill-ajruport Malti tista’ ttir lejn il-Kroazja, il-Maċedonja ta’ Fuq u l-Emirati Għarab Magħquda.
Dan apparti li hemm għadd ta’ estensjonijiet ta’ rotot mis-sajf għax-xitwa.