Settembru ġab miegħu bidla fl-istaġun kif ukoll tliet maltempati bir-ragħad fl-ewwel għaxart ijiem tax-xahar u anki l-ewwel ħalbiet tax-xita tal-ħarifa meteoroloġika.
Madankollu, ix-xita li tkejlet tul Settembru ammontat għal biss 18.4mm u għalhekk ma laħqitx in-norma klimatika għax-xahar ta’ 58.1mm.
Dan intqal fi stqarrija tal-ajruport, fejn issemma wkoll kif il-bidla fl-istaġun ġabet ukoll sema aktar imsaħħab.
Is-sigħat xemxin li tkejlu matul ix-xahar ammontaw għal 245.4, jiġifieri 8.7 sigħat taħt in-norma klimatika.
Filwaqt li fl-aktar jum xemxi ta’ Settembru tkejlu ftit aktar minn 11-il siegħa xemxin, fl-aktar jum mudlam, ix-xemx xirfet biss għal 30 minuta.
It-temperatura medja tal-arja għal Settembru kienet ta’ 26.3°C.
L-aktar temperatura baxxa tax-xahar ta’ 20°C ġiet irreġistrata fid-disa’ jum, meta ġiet esperjenzata waħda mit-tliet maltempati bir-ragħad għal Settembru.
L-ogħla temperatura ta’ 34.0°C imbagħad intlaħqet 10 ijiem wara.
Tul Settembru l-baħar baqa’ sħun, bit-temperatura medja tal-wiċċ titlef grad Ċelsius meta mqabbla ma’ Awwissu u tilħaq 28.0°C.
Din it-temperatura medja wkoll kienet ogħla min-norma ta’ 25.5°C.