Settembru li għadda kien aktar sħun mill-medja klimatika ta’ dawn l-aħħar 30 sena. Dan ħareġ minn studju li jagħmel l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kull sena.
Jidher li t-temperaturi tal-arja staġonali varjaw bejn dik l-aktar baxxa ta’ 18.1˚Ċ, irreġistrata f’Settembru, għall-ogħla waħda ta’ 35.7˚Ċ, irreġistrata f’Lulju.
Il-jiem tas-sajf kienu mdawlin b’ammont tajjeb ta’ xemx, bix-xhur kollha jgawdu x-xemx għal medja ta’ 305.5 siegħa. Filwaqt li Lulju kien l-aktar xahar sajfi li matulu x-xemx iddiet, b’363.6 siegħa ta’ xemx, Settembru kien l-anqas xahar li ra dawl tax-xemx, b’223.5 siegħa ta’ xemx irreġistrati.
Ix-xahar li għadda gawda anqas sigħat ta’ xemx mill-medja klimatika, b’30.6 siegħa anqas mill-kwota għal dan iż-żmien tas-sena. Kopertura ta’ sħab ta’ 3.3 oktas, b’hekk aktar mill-medja normali, tista’ tispjega parzjalment dan in-nuqqas. Ix-xita matul Settembru kienet skarsa wkoll, b’dan ix-xahar jilħaq biss l-4.1 mm ta’ preċipitazzjoni meta pparagunat mal-medja tax-xahar ta’ 58.1 mm.
Madankollu, Settembru 2018 xorta waħda kien aktar imxarrab minn Settembru tal-1943, li għad għandu rrekord tal-aktar Settembru niexef, bl-ebda xita mkejla matul dak ix-xahar. Il-preċipitazzjoni għall-istaġun kollu laħqet is-70 mm, b’madwar 76% minnha tinżel f’Awwissu u b’hekk rat lil dan ix-xahar ikun l-aktar wieħed imxarrab għas-sajf 2018. Ir-rekords meteoroloġiċi juru li matul is-sajf kien hemm 10 ijiem bir-ragħad; jumejn minnhom f’Ġunju; tlieta f’Settembru u ħamsa f’Awwissu.
Minkejja x-xita u r-ragħad, Awwissu kien l-aktar xahar kalm tul is-sajf, bil-veloċità medja tar-riħ tlaħħaq is-6.9 mili nawtiċi. Min-naħa l-oħra, Ġunju kien l-aktar xahar bir-riħ, bil-veloċità tar-riħ tilħaq ilmedja ta’ 9.4 mili nawtiċi.