Ir-rebbieħ tal-edizzjoni ta’ din is-sena tal-hekk imsejħa ġodda ‘Nuove Proposte’ waqt il-festival ta’ Sanremo huwa Settembre bid-diska ‘Vertebre’.
Iż-żagħżugħ Naplitan bl-isem ta’ Andrea Settembre deher iżomm lura d-dmugħ u jipprova jibqa’ kompost kif tħabbar ir-riżultat bl-għażla tkun bejnu u Alex Wyse li kien finalist waqt il-programm popolari Amici.
Id-diska rebbieħa Vertebre fuq Spotify diġa nstegħmet 6 miljun darba. Settembre ħa sehem f’diversi kompetizzjonijiet fosthom Io Canto ta’ Gerry Scotti u fl-2019 ipparteċipa f’The Voice of Italy u warajh wasal sas-semi finali ta’ X Factor.
Intant l-aħħar erbatax-il diska reġgħu tkantaw għat-tieni darba u bħal ma ġara fil-ġurnata preċedenti kienu determinati l-aqwa ħamsa skont il-vot tal-ġurija mir-radju u t-televoting tal-pubbliku.
L’Albero delle Noci – Brunori Sas
Lentamente – Irama
Cuoricini – Coma_Cose
Viva La Vita – Francesco Gabbani
Balorda Nostalgia – Olly
Kif wieħed jistenna l-ispettaklu għal darb’oħra kien wieħed notevoli b’Carlo Conti mgħejjun fuq il-palk minn Miriam Leone, Elettra Lamborghini u Katia Follesa.
Fil-waqfa tal-intervall il-mistiedna speċjali kienu l-grupp Duran Duran li kantaw uħud mill-aqwa suċċessi tagħhom bil-bassista tal-grupp Måneskin, Victoria de Angelis, tingħaqad magħhom għal uħud mid-diski.
Illejla tkun waħda speċjali fejn il-kantanti kollha se jkantaw diski stabbiliti tal-għażla tagħhom, waħidhom jew fi dwetti ma’ mistiedna speċjali jew kompetitur ieħor.
Ir-riżultat tal-lejla mhuwiex parti minn dak tas-serata finali iżda xorta hemm votazzjoni biex fl-aħħar tas-serata jkun iddikjarat rebbieħ. Il-voti huma 33% tal-ġurnalisti, 33% ġurija mir-radju u 34% televoting.
Flimkien ma’ Conti fuq il-palk se naraw lil Mahmood u Geppi Cucciari.