Għall-okkazzjoni tal-mija u ħamsin sena minn meta San Ġużepp ġie pproklamant mill-Papa Beatu Piju IX bħala l-Patrun tal-Knisja Universali, il-Malta Post ħarġet sett ta’ għoxrin bolla biex tfakkar dan.
Dawn il-bolol juru għoxrin vara ta’ dan il-qaddis, li jinsabu f’diversi knejjes madwar Malta u Għawdex. Din hija parti minn kollezzjoni li ilha għaddejja mill-elfejn u sbatax, fejn kull sena qed turi diversi statwi li għandna fil-knejjes Maltin.
ONE News tkellem ma’ Mary Grace Simpson mill-Uffiċċju tal-Filatelija tal-Malta Post dwar din il-kollezzjoni li qaltilna li hija mfittxija minn diversi kollezzjonisti u anke minn dawk li jħobbu l-festi tradizzjonali Maltin.
“Mal-kolletturi ntlaqgħu tajjeb ħafna, mal-kolletturi però apparti l-kolletturi, l-iskop huwa għal dawk id-dilettanti tal-festa u anke bħala Malta Post xtaqna nħallu l-wirt kulturali permezz tal-bolli Maltin.”
Minkejja li din is-sena, il-festi tradizzjonali mhux se jsiru b’mod kif nafuhom is-soltu, dawn il-bolol intlaqgħu tajjeb ħafna, wara stennija kbira.
“Filfatt ħafna kolletturi bdew isaqsuna, din is-sena ħa jsir peress li ta kull sena jkunu qed nistennewa u aħna ma ħsibniex li l-pandemija għandha ttellef minn dak li jħobb il-festi u jkun qed jistenna din is-sensiela.”
Sabiex wieħed jikseb din il-kollezzjoni, wieħed jista’ jżur fergħa tal-Malta Post jew iżur is-sit tal-Malta Post.