MaltaPost ħarġet sett ta’ bolol kommemorattivi bl-emblemi differenti ta’ ONE Radio tul iż-żmien.
Dan qed isir sabiex jitfakkar l-għeluq ta’ 30 sena mindu One Radio beda jxandar fil-11 ta’ Awwissu.
Dakinhar Tony Camilleri u Ray Azzopardi kienu l-ewwel żewġ vuċijiet li wasslu xandira mill-festa ta’ San Gejtanu fil-Ħamrun.
Dwar dawn is-sett ta’ bolol ittimbrati ONE News tkellem mal-Kap ta’ ONE Radio, Clint Bajada propju lejliet li din it-taqsima tagħlaq 30 sena.
Qal, “Għal din l-okkażjoni għandna memorja speċjali. Sibna l-logos kollha minn meta fetaħ dan l-istazzjon 30 sena ilu u propju għamilnihom f’memorja sabiħa permezz ta’ bolol. Flimkien mal-Maltapost qed noħorġu din l-edizzjoni speċjali, hawn ħafna dilettanti tal-bolol però mhux biss anke dawk li jħobbu l-istazzjon kienu minn ta’ quddiem nett li ġew hawnhekk sabiex jakkwistaw din il-memorja sabiħa.”
Huwa spjega wkoll kif il-bolol se jkunu ttimbrati fil-ġurnata għall-okkażjoni u b’hekk jistgħu biss jiġu miġbura wara l-11 ta’ Awwissu.
Spjega, “Peress li huma ttimbrati fil-ġurnata għall-okkażjoni ma jistgħux joħorġu qabel jiġifieri dawk kollha li bbukkjaw il-bolol jistgħu jakkwistawhom biss mill-11 ta’ Awwissu ’l quddiem mill-Kumpless ONE fil-Marsa.”
Intant Bajada spjegalna kif tul il-jum tal-Erbgħa, ONE Radio se jkun qed iwassal xandira speċjali sabiex ifakkar dan l-anniversarju tant importanti.
Dan il-programm se jkun qed jibda fit-8:30 ta’ filgħodu sas-siegħa u kwart ta’ waranofsinhar.
Fih se jipparteċipaw protagonisti li għamlu l-istorja ta’ ONE Radio matul dawn it-30 sena hekk kif se jerġgħu jiġu mġedda l-memorji u rakkonti li jibqgħu mnaqqxa fl-istorja. Tul il-programm is-semmiegħa se jkunu jistgħu jwasslu wkoll l-awguri tagħhom.