Mindu faqqgħet il-pandemija f’Malta u anke qabel, il-ħaddiema tas-saħħa ħadmu bla waqfien favur saħħet il-poplu Malti.
Biex tirrikonoxxi dan, il-kumpanija Malta Post ħarġet sett ta’ bolol speċjali bl-uċuħ ta’ dawk fuq quddiem kontra l-ġlieda tal-Covid-19.
L-istampa fuq dawn il-bolol hija meħuda minn tliet pitturi ta’ artisti Maltin , fejn tnejn minnhom huma ta Madeleine Gerada u l-oħra ta’ Andrew Micallef.
Il-Kap tal-Filatelija ta’ Malta Post, Mary Grace Simpson stqarret li dan huwa ġest żgħir meta mqabbel mal-ħidma nobbli tal-istess ħaddiema. Hija spjegat kif dawn l-eroj ħafna drabi kellhom jidħlu fi kwarantina mal-pazjenti tagħhom u għamlu żmien twil mingħajr ma jaraw lill-maħbubin tagħhom.
Qalet kif, “Dan ix-xogħol kollu li qed jagħmlu, dwar dil-pandemija, qed jissugraw ħajjithom jiġifieri ta’ min bħala ringrazzjament, bħal m’għamlu pajjiżi oħra, Malta Post ħasbet biex ittihom ringrazzjament ukoll.”
Dawn il-bolol qiegħdin jinħarġu f’folji t’għaxra u b’kollox se jinħarġu man-nofs miljun bolla u jiswew tletin ċenteżmu l-waħda.
Din il-ħarġa filatelika tinsab għall-bejgħ mill-fergħat postali ta’ Malta u Għawdex.