Transport Malta qed tagħmel sessjonijiet ta’ taħriġ lill-1,500 student, li jattendu SkolaSajf. L-għan hu li żżid aktar għarfien fost studenti żgħażagħ dwar modi differenti ta’ trasport u dwar is-sigurtà fit-toroq.
Il-Ministru għat-Trasport Chris Bonett żar l-Iskola Medja u Sekondarja tal-Kulleġġ St Thomas More fiż-Żejtun, biex isegwi sessjonijiet ta’ taħriġ.
Intqal li huwa importanti li minn età żgħira t-tfal jitgħallmu jintegraw id-diversi modi ta’ trasport, fosthom il-mixi, iċ-ċikliżmu, it-trasport pubbliku u l-carpooling, fil-ħajja tagħhom. B’hekk titrawwem esperjenza ta’ vjaġġar aktar effiċjenti u favur l-ambjent fil-ġenerazzjoni li jmiss.
Is-sigurtà fit-toroq kienet l-għan ewlieni ta’ dawn il-lezzjonijiet fejn l-istudenti ġew mgħallma dwar l-importanza li jaqsmu t-triq bl-aktar mod sigur, li jitlibbsu l-helmets waqt li jsuqu r-rota u li jirrispettaw is-sinjali tat-traffiku.
Is-sessjonijiet jinkludu wkoll workshops interattivi u attivitajiet oħrajn maħsuba biex jedukaw lill-istudenti dwar il-benefiċċji u l-importanza ta’ modi ta’ trasport differenti u dwar is-sigurtà fit-toroq.
Il-Ministru Chris Bonett irringrazzja lil Transport Malta talli organizzaw dan it-taħriġ, filwaqt li enfasizza li dan jixhed l-impenn tal-Gvern biex irawwem drawwiet tat-trasport aktar siguri u sostenibbli minn età bikrija.
“Lil hinn mix-xogħol infrastrutturali, ix-xogħol tat-trasport, huwa tajjeb ukoll illi jkun hemm attivitajiet bħal dawn fejn aħna niltaqgħu mat-tfal ta’ Skola Sajf fejn qed narawhom jieħdu tagħlim fuq x’jiġifieri tkun safe fit-toroq tagħna, fuq għalfejn għandna nibdew nużaw aktar mezzi alternattivi ta’ trasport. Ovvjament bħala Gvern irridu nkomplu nagħmlu x-xogħol biex inkomplu nipprovdu s-servizz alternattivi ta’ trasport.”