Aġenzija Sapport u l-Malta Trust Foundation ġeddew il-ftehim tagħhom biex persuni b’diżabilità jingħataw sessjonijiet ta’ mużika b’għan terapewtiku minn The Marchese di Villabianca.
Is-servizzi mogħtija se jkunu jikkonsistu f’sessjonijiet ta’ mużika fuq bażi individwali jew fi gruppi, b’għan terapewtiku bi qbil mal-professjonisti li jsegwu lill-persuni b’diżabilità u użu tal-faċilitajiet b’mod partikolari dawk ta’ Marchese di Villabianca u servizzi ta’ terapisti taħt it-tmexxija ta’ The Malta Trust Foundation.
Tmien persuni b’diżabilità se jkunu qegħdin jibbenefikaw minn dan il-ftehim.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Oliver Scicluna qal li din il-kollaborazzjoni mal-Malta Trust Foundation bħala prova ta’ kif l-aġenzija qed tkompli twessa’ l-firxa ta’ programmi li toffri lil tfal u adulti b’diżabilità billi tiffaċilitia l-aċċessibilità lejn servizzi u riżorsi.
Il-Ministru responsabbli mill-Volontarjat Julia Farrugia Portelli qalet li l-mużika u l-arti għandhom l-għan li jappoġġjaw u anke jittrasformaw l-esperjenza umana.
Il-President Emeritu u ċ-Chairperson tal-Malta Trust Foundation Marie Louise Coleiro Preca ddeskriviet dan il-ftehim bħala kollaborazzjoni biex jagħmlu l-ġid ma’ tfal u żgħażagħ li filwaqt li huma żvantaġġjati, iżda għandhom abbiltajiet straordinarji meta jingħataw l-appoġġ li jixirqilhom.