Tnedew sessjonijiet ġodda mmirati għat-tfal u l-ġenituri tagħhom bil-għan li tissaħħaħ ir-relazzjoni ta’ bejniethom.
Tħabbar dan waqt konferenza tal-aħbarijiet organizzata mill-Kumitat Trobbija Pożittiva u l-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal.
Ruth Sciberras, iċ-Chairperson tal-Kumitat tat-Trobbija Pożittiva, spjegat kif wara li saret riċerka ma’ numru ta’ ġenituri flimkien ma’ wliedhom, ħarġu għadd ta’ punti dwar kwistjonijiet li jħassbu kemm lill-ġenituri kif ukoll lit-tfal b’rabta mar-relazzjoni ta’ bejniethom.
“L-għan warajhom hu li nibnu relazzjoni aħjar bejn it-tfal u l-ġenituri u b’hekk ikunu jistgħu jisimgħu lil xulxin u anke jipparteċipaw f’dawn is-sessjonijiet li se jkunu mifruxa matul din is-sena.”
Intqal kif iż-żewġ punti maġġuri li ħarġu mill-istħarriġ li sar hu kif il-ġenituri jinsabu mħassba dwar l-użu eċċessiv tat-teknoloġija filwaqt li t-tfal semmew il-bżonn ta’ titjib tal-komunikazzjoni mal-ġenituri tagħhom.
“Dan il-bżonn kien ħareġ wara kampanja li saret mal-adoloxxenti flimkien mal-ġenituri tagħhom fejn rajna kif il-ġenituri kienu mħassbin dwar uliedhom u l-użu tat-teknoloġija b’mod eċċessiv fost affarijiet oħra.”
Il-Kummissarju għat-Tfal, Antoinette Vassallo, qalet kif kien għalhekk li tnedew dawn is-sessjonijiet, li se jkunu mifruxa matul is-sena biex b’hekk jgħinu biex tissaħħaħ ir-relazzjoni bejn il-ġenituri u l-ulied.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, spjega kif, filwaqt li t-teknoloġija fiha t-tajjeb tagħha – u għal dan għandna ngħarfu l-importanza tagħha – hemm ukoll il-ħażin, b’mod partikolari meta tintuża b’mod ħażin u b’mod eċċessiv.
Sostna fuq kemm hu importanti li nsibu ħin għal xulxin, għax ir-relazzjonijiet ta’ bejnietna huma importanti ħafna.
Kull min huwa interessat f’dawn is-sessjonijiet, li se jsiru matul is-sena, jista’ jidħol fil-paġna ta’ Facebook ta’ Positive Parenting Malta għal aktar informazzjoni.