Din il-ġimgħa ntemmu ħames workshops gwidati minn esperti internazzjonali, fost l-oħrajn dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-kriminalità organizzata. B’kollox kien hemm ħames sessjonijet ta’ The Malta Workshops, b’medja ta’ 500 parteċipant kuljum.
Fl-aħħar ġimgħa ħadu sehem aktar minn 2,500 parteċipant min 65 pajjiż jew reġjun differenti. Fosthom kien hemm rappreżentanti tal-MONEYVAL, il-Fond Monetarju Internazzjonali, il-Kunsill tal-Ewropa,u l-Bank Ċentrali Ewropew.
Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Evarist Bartolo fisser li din l-inizjattiva nibtet mill-prinċipju bażiku li dawn l-isfidi huma universali u mhux uniċi għal pajjiż jew kontinent wieħed.
Huwa tenna wkoll l-impenn tiegħu li jiżgura li dawk il-miżuri u l-proposti li tressqu matul iddiskussjonijiet ta’ din il-ġimgħa ma jibqgħux biss fuq il-karta u jingħataw impetu mill-Gvern ta’ Malta flimkien mal-imsieħba internazzjonali.
Id-Direttur Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Iżvilupp Internazzjonali Neville Aquilina qal li l-intenzjoni hi li dawn il-workshops jitkomplew.
Qal, “Interessanti li kull pajjiż jiġi bl-isifdi li jkollu, imma nistgħu nagħmlu affarijiet flimkien. Inutli jkollok sistemi robusti f’ċertu pajjiżi u jkollok sistemi oħra li ma tantx jaħdmu. Qsamna l-esperjenzi tagħna u nimbuttaw lil xulxin flimkien. Hemm ħafna x’wieħed jista’ jagħmel u bi ħsiebna nkomplu nimbuttaw dawn il-workshops.”
Din kienet l-ewwel darba li saru laqgħat ta’ dan it-tip fuq inizjattiva tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u b’kollaborazzjoni mal-Kumitat Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni dwar il-Ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu.